Strada Rjali.
i.
Din hija Strada Rjali tas-subborgi
mnejn ħa tgħaddi l-epidemija ta' ħolm sabiħ
liebsa kostum ġrieħi ta' kull kulur;
il-libsa matrominjali tal-Karita'.
F'dal-Kwartier, il-lejl u n-nhar biss jistgħu verament jissejħu
residenti.
Il-bqija radam, nisel l-irġejjen imġarrba,
xjuħ, madonni u madaleni.
U għadmu għadu vagabond
f'Wied Għammieq. Jidher fuq il-cameras tac-CCTV bħal sigriet mikxuf
bi żball. Vera ta.
ii.
Strada Rjali arterja sotterranja
mnejn ħa tgħaddi l-epidemija ta' ħolm sabiħ
liebsa l-libsa matrominjali tal-Karita';
eżerċizzju amministrattiv.
iii.
Subborg tal-irġejjen, tax-xjuħ, tal-madonni u tal-madaleni,
il-fawna endemika tal-Ospizju.
F'nofs il-Kwartier, il-lejl u n-nhar
saru l-uniċi residenti. Il-bqija għadam bla ngħas
f’Wied Għammieq.
Hawn ġa’ raxxet l-għabra tal-ħolm sabiħ.
Mhux fejn jispiċċa l-Akwadott
i.
Mnejn iż-żwiemel imqanfda tal-ġlieda, mnejn il-mewtiet imtennija ta' tixjinna qatt sħiħ, mnejn il-beraħ żejtni ta' tmerriqna fil-lava, mnejn is-sejba tal-ħruġ - la ħarba, la mewta – 'il barra minn sokor il-konċepiment-sanatorju, mnejn bidu li ma nistgħux noħorġuh mill-kxaxen u minn bejn il-lożor-thewdin?
kull lejl – dal-lejl – imissna nerfgħu ħwejjiġna u nnaqqu xwiek xulxin minn laħamna, imissna nisfrattaw il-ġirja, inbexxqu l-bieb wara l-bieb wara l-bieb, inżarmaw ix-xambrelli ta' sokorna, inxerrdu ftit minn ġidna f'widien u ibħra (mit-tieqa jidhru binjiet sal-eternità).
U nkomplu.
Is-seħta tal-impuls li jimbotta lejn bidla, bidla, bidla. Is-seħta ttambar tas-sigħat li ma jdurux bla ħoss. Is-seħta tas-swaba' tallaba fuq in-naħa l-oħra tal-mejda.
li mqar jinqatel il-qassis f'das-sagrifiċċju li m'hemmx li jibda (dejjem diġà beda). Anki għalih ġejna tard. U ma tlifna xejn għax m'hemmx li jiġri xi ħaġa.
Għajnejk, belt u ktieb, isefsfu l-mingħul mit-tazzi tad-deheb meta nistiednu 'l xulxin, aristokrazija tal-ħabbagozz, qarrieqa u diġà xurbana, fis-santwarji sadjani ta' ħofor ħolmietna.
ii.
Meta jintrebħu-jitqaħħbu xortina, meta nieħdu b'idejn xulxin u l-ismijiet isiru xmajjar ta' ħsejjes fil-bogħod, meta nsibu moħba-qabar fejn inħawlu l-għadam ħa nkattru l-mewt li tgħaxxina (matematika fatali tal-ħitan u xalata-ġenn li tiżbuxxlana), meta jisbaħ jum il-pesti mekkaniċi li jqattgħulna l-biżgħat u jiftħulna ġenna ta' torturi ġodda, -
min irid ikun minflokna fuq daż-żiemel-sħaba, isawwat l-allat bi frosta t'ilsnat il-patrijarki u b'ħalqna jobżoq fuq l-artijiet l-imħuħ taċ-ċomb?
Miegħek irrid inkun meta jinqabadli tarf dal-ħmarillejl taħt il-ħaġra tat-tħin, ħalli niġbidlek kull kilba 'l barra minn wardiet wiċċek u nħallik warajja safja u tleqq daqs lembut maħsul fl-axtu.
U ismek imxandar fuq il-pavaljuni ħomor: demm il-vergine fuq il-liżar li qatt ma ttebba'. Olé!
Subscribe to:
Comments (Atom)

