Fajjenza.


Għamara tad-Dawl (Mitfi)

Wensek magna tal-ħart u kull difna beraħ tal-gomma, sodda-sħaba u kamoxxa tal-ħolm ikanġi sapun.

Mingħajr il-ħbula xibkatuliss ikollna wisq pjaċir u tisplodi l-isperma-xemx minn ngħasna. Fakkarni: mill-mewt-titjira li togħkorkom jagħrfukom.

Nilbsu kemm alla ħalaq ċomb – dawk il-kapitli-rakkonti tax-xjuħ il-mejta – biex forsi ninqatgħu mill-wiċċ u ninżlu fid-dalma subakwea ta' darna-kamritna (maħżen-moħba iktar milli xejn).

Għamara: hawn il-kukkudrilli ta' tfulitna, il-gurilli tal-għelieqi, il-ġurati tat-tempji bla xatba. Kull sena żibġa: qabża mill-għoli f'dal-ġibjun meraq tal-ħin. Ebda ħoss ma joħroġ: għaxart elef sena inkwiżizzjoni, dik l-era pre-glaċali tal-ħlejjaq u l-kometi bla dnub - ħlief il-meteorita li niżlet (għax rajna l-kewkba u ġejna nfittxuh...) u splodiet bejn għajnejna u għebu d-dinosawri u l-kukkudrilli ta' tfulitna.

Il-baħar iswed u s-serp ħareġ mill-ilma. Ejja nkantaw it-Tedew!
Mara: ħudu u kulu, dan hu ġismi.

Nara minn għajnejk u s-senduq xemgħat mixgħula jixxarrbu u jsiru ħodor. Din ħolma li kelli meta rajt l-ewwel torri ta' De Redin. Din karta li sibt fil-kotba ta' missieri. Din kikkra minn sett tat-té tan-nanna. Ejja nagħmluhom pulpetta dal-mejtin u noħorġuhom lixka għad-dinosawri li kienu.

Nara minn għajnejk u tkun se terġa' titla' l-isperma għal rasi, għal ngħasi. Nifs fil-wiċċ ta' balena. 

 
Fajjenza

i.
Blokka swar monolitika
imwieżna fuq arterja vitali ta' toqob sotterranji.

L-ewwel rixtellu: ħanut it-tiġrib.
Fil-ħnejjiet ibejjet il-miġnun maqful
mhux fil-kappella fejn id-dawl hu ħelu-morr.

Għandu kollezzjoni.
Ossarju b'vetrini mimlija fajjenza tleqq ħajja,
xkafef mgħobbija b'vażetti żgħar
nifs uman ġo kull wieħed minnhom, flora w fawna
misjuba biss l-Ospizju.

Issa għandi xi mistoqsijiet, jekk ma jimpurtax.
Xi kemm jiżen dal-laqx?
Fi x'ħin jgħaddi l-pustier?
Hawn aċċess għas-siġġu tar-roti? U għall-internet?

Dagħdigħa ta' konfiski.
Tbaħrida ta' tkissir.
Eżerċizzju amministrattiv.

ii.
Skond il-pjanta,
dal-ħnejjiet-xkafef jifilħu jerfgħu ħafna fajjenza fina
lesta għat-tindif,

jifilħu jerfgħu blokka madaleni
u blokka oħra nifsijiet ta’ ltiema
merfugħin f’vażetti żgħar sal-2010.