Polz.


i.
Il-Kolera ġiet bil-ġuħ u maxtret kollox
u ħalliet warajha mħażen sħaħ ta' stejjer dwarha, bħala xhieda,
ħalliethom maħnuqa bla leħen, bla ħalq...
u xajtnet l-iġsma u ħarġet fit-toroq Maltin
tħabbat il-bibien u maxtret kollox.

Barra: il-polz jinħass imma lleġibbli. X'ilsien hu?
Ġewwa: l-għabra għadha nieżla mis-soqfa.


ABYSSUS ABYSSUM INVOCAT

min hu għani?
        idejn, art, imwejjed -
bla kelma mikula
bla ħarsien

Meta nimxu fuq il-moll-avventura, kultant xafra-mitlufa, ixarrabna r-raxx u maċ-ċaqlieq tad-dgħajjes ikun hemm, ommijiet-biżgħat, twissijiet-tapit lura lejn santwarji mżebilħa (iż-żeblieħ inżiduh aħna).

Tlaqna darb'għal dejjem.

Aħna l-fqar b'ilsien gaġġa-katina.

Meta ninżlu nimxu fuq il-moll u jxarrabna r-raxx ġej minn kull ilbieraħ imqalleb (jasal s'hawn u anki iktar: sal-ġungla dantjana tal-Argotti), min se jkanta n-nasba tas-sereni? Il-futur għanqbuta tal-ħġieġ u wiċċek ma jafx ġejjieni: fondoq taħt l-ilma u ħadd ma jinduna li mexjin fuq l-abbiss.

Meta nidħlu lura d-dar (moħba iktar milli xejn) u l-kelma ssaħħanna bil-bewsa tas-sentenza kompluta, ikollna xorti jekk norqdu mqar siegħa. Imbagħad, waqt li jibbumbardjawna bl-interpretazzjonijiet ta' lewn għajnejna, jiżżerżaq il-kontinent minn taħt saqajna.

Intiru fl-avjarju tal-kliem kolonizzat u jiġu jarawna s-slaten mill-bogħod. Id-deni m'hemmx li jinżillek. L-arja kollha umdità. Fil-but m'hemmx sold. F'widnejna jidwi d-daħq, u jibbies.



Polz

ii.
Kolera ġiet bil-ġuħ.
Wasal il-kaless tagħha u bdew ħerġin l-iġsma
u bdew deħlin l-erwieħ.

U hija ħarġet mal-abbatini tagħha
Mid-dawl ħelu-morr tat-toqob sotterranji tal-Ospizju.
Marret tħabbat il-bibien. Bumm Bumm Bumm.

Mela sewwa qalu! L-għidut isir nom,
solidu.

Ritratt: Vetrini mixgħula bi xkafef ta’ tiġrib.
Is-swali tar-reklużorju ma jafux jindmu
(jew ma jridux) u r-residenti fajjenza fina
lesta għat-tindif.

Kolera ġiet b’dagħdigħa u maxtret kollox.