Is-Salott.
Il-Labirint
i.
Wied-ilsien tperper: sinjali indeċifrabbli jekk tħares lejn it-toroq-stejjer li nterrqu f'anti-fażi ċirkolari, u s-smiegħ ma jgħinx. Wied-ilsien tibqa' tperper u min jifhemek illum ma ġiex: As-Salam Għalik, Vergine!
Qattus-ossessjoni jħaffer fil-ħġieġ ta' kliemna-aħna-stess. Qattus-ossessjoni jingħi il-ħtiġijiet, vulkan tal-ħalib.
Min hi ommok fost dal-blatiet-xwieni li jiġu u jgħaddu u qatt ma jbattlu xejnhom f'ħoġri-kelmieti?
Ngħidlek: fil-ġirja hemm tħaffir-għarqa. Tmurx 'il bogħod (- Merħba u ibqa' hawn). U minn fuq spallejk nara t-torri ta' passat ieħor merfugħ fuq il-gżejjer anarkiċi ta' xewqat-frustrazzjonijiet. Liema ħolma se nirkbu? Fil-basket: tuffiegħ u tin, ħbula u mappa-logħba. Fid-disgħa tibda mixja-għawma fil-kurrenti griżi ta' moħħ ir-riħ.
ii.
Mhux riħ illum: 'dakinhar' jinżel weraq-borra u jinfirex fil-mumenti-swar ta' llum. Boċċi tal-ħġieġ ixerrquni la ma hemmx mod kif nifhem-niekol għemilek, nagħmlu demmi u kliemi u ġidi. Kull min jaqra l-kitba ta' fuq il-ħajt isir statwa tal-melħ: weraq-borra (kollox strettament imħawwad) fuq swar-profezija.
Allerġija-maltempata: għal kollox oħra u mejta u wieqfa waqt li niżgiċċa għal kollox ieħor u mejjet u wieqaf, mhux bħalek, mhux int, u lanqas ieħor-jien jew qribni. Kotra tħollni: kelma f'kelma.
Surti tibqa' għaddejja mill-mera qabel ma tissawwar xbiha tixbahha.
iii.
Dan l-għar-vaġina mberraħ fuq il-port tal-ossessjonijiet irid jgħid xi ħaġa u ma jistax.
Iltqajna fuqu f'nofsillejlijiet mimlija iħirsa ta' Goya. It-tielet demm jerfa' spettaklu u jegħreq lura: Orjun qed joqtol wild wara ieħor, u nidħqu-nwerżqu għax il-kliem ma fihx siwi. Meta jinfetħu għajnejna nerġgħu inkunu nsejna u ntesejna: arkivju-purtiera u xawta-ġilda skura
'X'ġara?' issir talba-karba għall-ħniena. Iebsa l-arja-ħin quddiem dan l-għar-vaġina u s-sema-baħar ma jinħassx minkejja li ebda blata-ħsieb ma terfagħna. Meta tħares 'l isfel mis-sur (imma minn fejn?) tkun diġa għolejt u m'għadekx waħda minna: laħma qaddisa u ġilda mifruxa fuqna lkoll.
iv.
Kelb, inġorr orfanatrofju-kwarantina. Denbi jferfer. Ix-xamm għal saqajk ifittex. Minn hawn. Lil hemm. Dik in-naħa. Daħna rwejjaħ, kurrenti rwejjaħ. U ħsejjes. Pandimonju. Manikomju.
Il-mixi minn ġnien għall-ieħor: ebd'eden-dar, ebda babilonja tal-kaos-orgażmu massimu. Kull masġar-moħba deżert u diżappunt: la ħolm, la rqad, la bidu ta' lejl-rakkont. Meta fl-għaxijiet xegħlu n-nar u bnew fodsqa sħana ħa nirdossu, il-klieb-kliem irħew nebħa u mietu-għebu. Wiċċna jinħaraq u l-lejl-rakkont m'għandux fejn jikteb. Jintreħa, ħela, kurrent irwejjaħ, u jiena kelb u orfanatrofju.
v.
Mill-istediniet niddeċifra xifer-irdum u titjira: rieda-port u swar iħabbtu. Il-frekwenzi ġodda li dejjem iregħduna-ibandluna (banda jew bandla?): dal-kliem li ħiereġ mil-lapes u mirakli oħra bla siwi.
Mill-istediniet li ma jistgħux jiġu aċċettati, messaġġi li ma waslux id-dar, Ulisse li baqa' 'l bogħod: l-għatba, il-mejda, u, in-naħa l-oħra, l-għerien u t-tpinġija fuq il-ħajt ta' nisa li telqu, jiena-huma, jiġi jarana xi ħadd kultant, jiġi jdaħħal labra dawl f'għajnejna
dak li jurina inessina
dak li jfehemna jifgana
dak li jsejħilna jinsina
Nagħmel insalata bil-ħall, tbissima ta' kontrapunt.
Is-salott.
i.
Is-salott tal-Furjana. L-aperitivi tant ilhom hemm li bdew imorru
u għadu ħadd ma ħa xejn.
Ma' djul il-purtinara, ċorma solida ta' tħaxwixiet, għidut,
nofs veritajiet u nofs babawijiet. U hi tiknes
għal Alla li ħalaqha
bla ma ttihom wiċċ.
Forsi baqa' xi ħaġa mill-uċuh
taħt ir-radam.
Imma kieku jien ma nkunx daqshekk ottimist.
X'ħa noffrilek?
ii.
Is-salott ta’ belt fir-radam.
L-aperitivi bdew imorru
daqs kemm ilhom hawn.
Fil-kenn ta’ djul il-purtinara
mazz imfietaħ immutati, imtarrxin.
Ċorma babawijiet tistenna
fuq l-għatba tal-Furjana.
F’kull apertura tintasab stedina lliċita
miftuħa daqs tal-merċa
tistenna l-klijenti tagħha mal-fruntiera tal-kuxjenza.
Skond il-pjanta, suppost dal-ħnejjiet jifilħu jerfgħu
dar ta’ mħabba. Imma kieku jien
ma nkunx daqstant ottimist.
Inġiblek drink?
iii.
Is-salott tal-Furjana. Ma’ djul il-purtinara
ċorma tħaxwixiet immutati, imtarrxin
fil-kenn tal-bon ordni.
L-aperitivi ma ntmessux. Bdew imorru.
U hi tiknes għal Alla li ħalaqha
bla ma ttihom wiċċ.
Forsi r-radam fadallu xi ħaġa mill-uċuh
imma kieku jien ma nkunx daqshekk ottimist.
X’ħa nġiblek?
Subscribe to:
Comments (Atom)


